Il-Kappella ta’ San Mikiel hija waħda mill-bosta kappelli li jagħmlu parti mill-parroċċa ta’ Ħal Lija, iżda hija l-unika waħda li ġiet mibnija bħala knisja fil-kampanja; fuq kollox il-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, li hija ’il bogħod minn nukleju tar-raħal kienet il-knisja prinċipali ta’ Casal Bordi, filwaqt li il-kappelli iddedikata lil San Bert u ’il Madonna, illum it-tnejn imwaqqgħa u mitluqa, kienu il-kappelli ta’ Casal Lamann (Ħal Mann).

kappella-san-mikiel
Il-Knisja antika ta’ San Mikiel bil-kamra tan-nar fuq wara.

Il-Kappella ta’ San Mikiel, li tinsab maqtugħa għaliha fuq l-għolja tas-Simblija, turina biċ-ċar l-istil tal-bini tal-kappelli tas-Seklu XVI u XVII. Il-Knisja hija maqsuma f’żewġ taqsimiet, parti wiesgħa għan-nies fejn tesa’ xi ħamsin ruħ, u parti idjaq, tarġa ogħla mill-bqija, fejn hemm il-presbiterju u l-uniku artal. Is-saqaf huwa mibni fuq ħnejjiet nofs tond tal-ġebel, u l-art hija ċċangjata bil-franka. Fin-naħa t’isfel, ħdejn il-bieb, il-knisja hija mdawra b’bank tal-ġebel. Id-dawl jidħol mill-bieb prinċipali u mit-tieqa ta’ fuq il-bieb.

Il-Kappella fiha artal wieħed tal-ġebel u fuqu fi gwarniċ tal-ġebel skolpit hemm pittura sabiħa li turi lil San Mikiel b’xabla f’idejh, u lix-xitan taħtu marbut b’katina. Miz-zuntier tal-kappella tista’ tara ’l Ħal Lija u l-Iklin taħtek.

Ħarsa lejn l-istorja

Il-Kappella hija antika ferm tant li fl-1575 kienet diġa fi stat ħażin li Mons. Pietro Dusina, Inkwizitur u delegat tal-Papa, jgħidilna fil-Vista Appostolika tiegħu li l-kappella iddedikata lil San Mikiel fl-inħawi ta’  li Chili kellha biss artal wieħed u kienet bla paviment, mingħajr qassis biex jieħu ħsiebha u bla bibien. Tant hu hekk, Mons. Dusina ordna li jekk il-bibien ma jsirux fi żmien xahar, ma kellux isir quddies fiha sakemm dawn isiru.

kappella-san-mikiel-artal
Dehra ta’ l-artal  ta’ San Mikiel armat għall-festa [aktarx fl-1994 / 1995]
Fil-bidu tas-Seklu XVII il-kappella ġiet mibnija mill-ġdid bi flus Ġlormu Hagius. L-ħstess Hagius, fit-testment tiegħu (tas-26 ta’ Awwissu, 1635)  waqqafha f’ġuspatronat u ħallielha għalqa. Minn dan l-istess testment jidher li Hagius kien ħa ħsieb il-kappella, u li ħallieha fi stat ferm aħjar milli kienet 60 sena qabel.

Il-Kappella kienet taqdi l-bżonnijiet pastorali ta’ l-inħawi u fiha kien isir quddies regolari u mhux biss nhar il-festi ta’ San Mikiel. Fost l-affarijiet interessanti ta’ dan iż-żmien insibu pittura ħelwa ex-voto li turi lil San Mikiel u li ġġib id-data 1633. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1974 u llum huwa miżmum fil-Mużew Parrokkjali ta’ Ħal Lija.

Tul is-snin il-kappella gawdiet minn bosta renti – il-flus li kienu jidħlu mill-qbiela ta’ ġnien maġenb il-knisja u ta’ għalqa warajha, u mill-interessi fuq żewġ kapitali ta’ mitt skud. Dawn ir-renti li nsibuhom f’numru ta’ dokumenti antiki għenu sabiex il-kappella inżammet fi stat tajjeb u biex isiru l-festi ta’ San Mikiel. Tant hu hekk, fl-1852, ġew arġentati il-ġandlieri, vażetti, u carte di gloria, spiżq ta’ 23 skud. Fl-1926 ġiet indurata it-tazza tal-kalċi, biċċa xogħol li swiet 9 xelini. Fl-1925 fl-għalqa wara l-kappella ġiet mibnija l-Fabbrika tan-Nar ta’ San Mikiel.

Il-Festa ta’ San Mikiel

Sa xi snin ilu, il-Knisja kienet tiċċelebra żewġ festi ta’ San Mikiel, waħda nhar it-8 ta’ Mejju, tifkira tad-dehriet ta’ San Mikiel, u oħra nhar id-29 ta’ Settembru, magħrufa bħala l-Festa tad-Dedikazzjoni.

Fil-Kappella, il-festi kienu jiġu ċċelebrati bil-Vespri lejliet, li għalihom kienu jitilgħu il-Kappillan u l-Kleru ta’ Ħal Lija, u Quddiesa kantata bi priedka nhar kull festa filgħodu. Għall-quddiesa kienu jġibu predikatur u ġieli krew ukoll orgni.

kappella-san-mikiel-statwaTa’ min ikun jaf mnejn bdew dawn il-festi. It-8 ta’ Mejju hija t-tifkira tad-dehriet ta’ San Mikiel fil-Grotta fil-Gargano (il-Gargano huwa dak il-promontorju kollu muntanji li jinsab fil-Pulja, fin-nofsinhar ta’ l-Italja); San Mikiel deher erba- darbiet (fl-490, fl-492, fl-493, fl-1656) lill-isqof tal-post. Madwar din il-grotta inbena santwarju u id-29 ta’ Settembru hija propju l-Festa tad-Dedikazzjoni ta’ din il-Bażilka.

Illum meta nsemmu l-festa niftakru fid-29 ta’ Settembru meta l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ l-Arkanġli Mikiel, Gabrijel, u Rafel. Għalhekk nhar l-aħħar Ħadd ta’ Settembru fil-Kappella tiġi ċċelebrata quddiesa sempliċi bi priedka tard wara nofinhar, wara jsir programm mużikali u fiera. Ma jonqosx in-nar ta’ l-art, il-murtali tal-kulur u fl-aħħar il-kaxxa nfernali. Għall-festa l-għolja kollha tkun imżejna bil-fjakkli, dehra li ftit taraha f’Malta.

[Dan l-artiklu deher l-ewwel fil-Villa Lija, Ottubru 1995, pġ 4]


Referenzi:

  • A(rkivju) P(arrokkjali) L(ija), Documenti Parrochiali, 1B
  • APL, Liber Defunctorum II, f.17
  • APL, Documenti Parrochiali, n.8
  • APL, Documenti Parrochiali, n.22
  • APL, Patrimonio A, f.177
  • APL, Documenti Diversi, n.57
  • APL, Amministarzione della Procura della Chiesa filiale di S. Michele Arcangelo
  • Arkivju Notarili, Atti ta’ Mario Attard, Testment ta’ Hieronymus Hagius (26/8/1635)

De Michele, P.F., Sul Gargano Apparve l’Arcangelo, Foggia (Italia).
Ebejer, A. 1979. Il-Qima ta’ San Mikiel f’Ħal Lija, Lija.
Ferris, A., 1866. Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo, Malta.
Lia, L., 1966. Il-Knisja ta’ San Mikiel, fil-Villa Lija, no. 9 (Novembru 1966), 15, Lija.

Advertisements