Il-fdalijiet arkeoloġiċi fl-Iklin [1] huma xhieda tal-varjeta u l-kwantita ta’ fdalijiet arkeoloġiċi f’pajjiżna. Il-kwantita kbira ta’ wirt kulturali f’pajjiżna ħafna drabi tfisser li ma nagħtux kaz għajr tal-fdalijiet prinċipali. Hija ħasra li ħafna siti jiġi b’hekk injorati u żdingati partikolarment minħabba nuqqas ta’ interess u ta’ riżorsi.

Fl-Iklin insibu mill-anqas erba’ fdalijiet arkeoloġiċi: żewġ siti megalitiċi, Villa Rumana (sfortunatament m’għadhiex teżisti) u bir Ruman. Dan minbarra postijiet oħra ta’ interess storiku, jew antropoloġiku: il-Kappella ta’ San Mikiel, u n-numru ġmielu ta’ kmamar tan-Nar li l-biċċa l-kbira minnhom huma mitluqa.

Ħajt Megalitiku fl-Iklin

tat-tabib-1L-ewwel sit li nixtieq insemmi huwa l-ħajt megalitiku li jinsab fuq il-wied ta’ l-Iklin lejn l-inħawi tat-Tabib. Nisimgħu l-ewwel darba b’dan is-sit mill-grupp Teenagers’ Din l-Art Ħelwa, f’Settembru tal-1967; iżda sfortunatament ma ġiex inkluż fis-Survey importanti ta’ siti preistoriċi Maltin li sar mill-Prof. Evans. Dan is-sit jerġa’ jissemma mill-Prof. Bonanno fl-1979. Kien biss f’Mejju ta’ din is-sena [1998, ed.] li rnexxieli nidentifika dan is-sit mill-ġdid.

Is-sit jikkonsisti f’żewġ megaliti (ġebel kbir, xi żewġ metri, b’xi metru u nofs) li qiegħdin f’forma nofs-tond, u linja ta’ ħames  blokki iżgħar ftit il-bogħod minnhom. Sfortunatament dan is-sit qatt ma ġie studjat għalkemm ir-rapport li kien deher f’Il-Qedem Illum (il-ġurnal tat-Teenagers’ Din l-Art Ħelwa) isemmi li kienu ġew miġbura xi biċċiet tal-fuħħar preistoriku u biċċa minn statwetta tat-tafal mill-Capt. C.G. Zammit, li kien Direttur tal-Mużew.

Mill-ewwel impresjoni dan is-sit jixbah lil fdal ta’ tempju ta’ Żmien it-Tempji (Temple Period, magħruf ukoll bħala Żmien ir-Ram), iżda huwa biss jekk isir studju aktar fil-fond li din l-impressjoni tkun tista’ tiġi kkonfermata jew miċħuda. [2]

 

Il-Fdalijiet f’Tar-Raddiena

tar-raddienaIt-tieni sit jinsab propju fuq il-By-Pass ta’ Birkirkara f’kantuniera ma’ Triq il-Għargħur. Dan is-sit ġie skavat fl-1986 taħt id-direzzjoni ta’ F.S.Mallia, ex-direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.

Mill-fdal jidhru biss numru ta’ megaliti uħud weqfin, oħrajn mimdudin, f’forma nofs-tond. L-iskav kixef ħajt iehor taħt il-livell  tal-ħamrija ta’ l-għalqa wara l-ħajt. Matul l-iskav instab ukoll xi fuħħar taż-Żmien Tarxien (c. 3000-2500 Q.K.) u ta’ xi żewġ fażijiet qabel. Dan il-fuħħar juri li dan is-sit huwa fdal minn Żmien it-Tempji, li l-aħħar fażi tiegħu hi l-fażi Tarxien. [3]

Dan is-sit, kif ukoll dak msemmi aktar ‘il-fuq, għalkemm siti żgħar, huma ta’ importanza konsiderevoli għax huma l-uniċi siti ta’ dan iż-żmien fl-inħawi.

 

 

Il-Villa Rumana

Sit iehor interessanti, iżda li sfortunatament safa’ vittma ta’ l-iżvillupp, huwa is-sit ta’ Villa Rumana li ġie rrapurtat fl-­1975 li kien qed isir xi xogħol għat-tqegħid ta’ pedamenti. Dan is-sit interessanti ġie skavat, u għalhekk nafu mhux ħażin dwaru.

Fl-iskav ġew mikxifa numru ta’ pedamenti ta’ ħitan. Mill-fdalijiet –  kamra b’paviment ta’ madum, xi fdalijiet li jindikaw il­preżenza ta’ latrini, in-numru proporzjonalment kbir ta’ fuħħar importat, u n-nuqqas ta’ fdalijiet marbuta ma’ l-industrija agrikola –  jidher li l-Villa fl-Iklin kienet waħda li tintuża bħala villeġjatura, bħal dik tar-Ramla f’Għawdex, aktar milli Villa li tintuża għall-industrija agrikola.

Viċin ta’ dan is-sit hemm bir Ruman ta’ interess partikolari. Huwa bir rettangolari, xi seba’ metri u nofs b’xi ħames metri, maqtugħ fil-blat u msaqqaf permezz ta’ tlett arkati rieqda u numru ta’ xorok, kull waħda xi żewġ metri b’metru..[4]

Sfortunatament, dawn is-siti, għadhom traskurati u minsija minn kulħadd. Fdalijiet bħal dawn, li jinsabu tant viċin tagħna, għandna nfittxu li nsiru nafu aktar dwarhom, u nagħtu kashom għax fl-aħħar mill-aħħar huma parti minn dak il­wirt li lilna jagħmilna Maltin.

 

[Meħud minn BRIFFA, JM, 1998, Siti arkeologici fl-IklinTabor. Fl-Okkażjoni tal-Festa tas-Salvatur Ħal Lija, 69-71.]

 


Noti:

[1] F’dan l-artiklu l-Iklin tirreferi għall-inħawi kollha ta’ l-Iklin skond il-konfini tal-Kunsilli Lokali.

[2] Is-sit ġie rrapurtat fil-gazzetti, e.g. “Discovery of a Megalithic Temple” f’The Times tat-22 ta’ Settembru 1967. Rapport aktar f’dettal deher fit-tielet Il-Qedem Illum in-newsletter tat-Teenagers’ Din l-Art Ħelwa. Minkejja li dan is-sit ġie rrapurtat, is-sit ma ġiex inkluż fil-ktieb The Prehistoric Antiquities of the Maltese Islands: A Survey maħruġ fl-1971 mill-Prof. J.D. Evans.

[3] L-aħjar artiklu dwar is-sit huwa l-artiklu tal-Prof. Bonanno, “Two archaeological sites recently discovered at l-Iklin” li deher f’Hyphen vol. 2 no.5.

Ara l-artiklu “Excavations indicate 4,000-year-old Temple at Birkirkara” li deher f’The Times nhar it-12 ta’ Novembru 1986. Ara ukoll Report on the working of Government Departments tas-sena 1986, paġna 68.

[4] Rapport fid-dettal dwar is-sit jinsab fl-istess artiklu tal-Prof. Bonanno (ara numru 2). Ara ukoll “Roman house foundations brought to light” The Times tas-17 ta’ Lulju 1975, u Report on the working of Government Departments tas-sena 1975/6, paġna 60.

Advertisements