L-ismijiet ta’ l-irħula u lokalitajiet Maltin joffru skop għal studju interessanti ħafna. Biżżejjed induru madwarna: fl-ismijiet tagħhom, Ħal Lija, Ħal Balzan, u Ħ’Attard kollha jġibu Ħal, taqsira ta’ raħal, tipiku fl-ismijiet ta’ rħula medjevali. Xi rħula antiki – bħal Ħal Mann u Ħal Bordi (l-inħawi tal-knisja tal-Madonna tal-Mirakli) – ilhom li għebu. U xi ngħidu għall-Iklin?  Għalkemm il-lokalità hija waħda ġdida l-isem huwa antik ferm.

L-isem L-Iklin – jew aħjar l-Iklil, kif kien fiż-zmien – insibuh diġa’ f’dokumenti tas-sekli sittax u sbatax, f’kitbiet ta’ xi nutara. Hekk fl-istudju dwar toponomi (= ismijiet ta’ postijiet) Maltin, il-Prof. Wettinger (2000, 335) juri li l-isem diġa’ kien magħruf fl-1530 “contrata di liclil” u dokument iehor fl-1531 jagħtih bħala “contrata di lichilil”. Wettinger (2000, 390) iżid ukoll post magħruf fl-1561 bħala “misirach likylil” (= misraħ l-Iklil), lokalità illum mhux magħrufa fl-Iklin stess.

Rosemary_in_bloom
Ix-xitla ta’ l-iklin bil-fjuri. (Meħud minn Margalob, CC BY-SA 4.0, https://commons.wikimedia.org/w/index.php?curid=47807064)

Illum norbtu l-isem L-Iklin mal-pjanta iklil/iklin jew rożmarin (mit-taljan), tant li nsibu sitt fjuriet ta’ l-iklin fl-istemma tal-lokalità. L-iklin hija ħaxixa aromatika – rosmarinus officinalis – li tintuża fit-tisjir, kif ukoll fil-mediċina tradizzjonali. L-ewwel rabta ċara bejn l-isem tal-lokalità u r-rożmarin jsemmiha Ġian Franġisk Abela (1582-1655), li nistgħu insejħulu missier l-istorja ta’ Malta. Fl-istudju tiegħu dwar Malta (Abela 1647, 85) isemmi “Vyed el Klil” (Wied il-Klil) u jfisser l-isem bħala “Valle del Rosmarino”. Madankollu, jidher li fi żmien Abela, il-wied ma kienx magħruf għar-rożmarin, imma għall-art fertili, s-sigar u għad-dwieli, li kien jagħtu frott bnin (“hoggi d’ambe le parti amena, e feconda d’alberi, e di viti, che producono frutta saporattisime”).

Ta’ min jgħid, però, li din mhux l-unika tifsira possibbli ta’ l-isem tal-lokalità. Għalkemm fl-Għarbi l-ħaxixa aromatika li semmejna tissejjaħ ‘iklil jew aħjar ‘iklil el ġabal, il-kelma ‘iklil tfisser ukoll kuruna jew girlanda. Hekk Aquilina (1987,564) isemmi post fil-Palestina bl-isem ta’ Bir l-Iklil, bit-tifsira ta’ l-isem bir il-girlanda (“the well of the garland”).

Wettinger jagħtina ukoll possibilità oħra. Juri, mid-dokumenti li semmejna, kif Klil seta’ kien isem propju, bħal fil-każ ta’ “Hasan, figlio di Chilil, turco della Bosnia” (2000, 335). Ta’ min iżid li Khalil (li jfisser ħabib) huwa isem popolari ħafna kemm fl-Għarbi kif ukoll fit-Tork, għax huwa titlu mogħti lill-patrijarka Abraham – il-ħabib t’Alla. U minn isem ta’ persuna, isir ukoll isem ta’ post: il-belt ta’ Ħebron – ftit mili fin-nofsinhar ta’ Betlehem – hija magħrufa bħal Al-Khalil bl-Għarbi, minħabba r-rabta mal-patrijarka Abraham u l-balluta ta’ Mamre (Genesi 13,18 u 18,1).

 


Referenzi:

Abela, G.F, 1647. Della Descrittione di Malta isola nel Mare Siciliano: con le sue antichità, ed altre notizie. Malta: Paolo Bonacota.
Aquilina, J. 1987-1990. Maltese-English Dictionary, 2 vols, Malta: Midsea Books.
Wettinger, G., 2000. Place-Names of the Maltese Islands, ca. 1300-1800, Malta: PEG.

Advertisements