Diffiċli tistudja l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna – u mqar ta’ l-iċken kappella – mingħajr ma tkun smajt b’Mons. Pietro Dusina. Iż-żjara uffiċċjali tiegħu fl-1575, bħala delagat u viżitatur appostoliku mibgħut mill-Papa Gregorju XIII, tagħtina stampa tar-realtà tal-knisja Maltija għaxar snin biss wara l-Assedju l-Kbir. Kien żmien importanti għall-Knisja Kattolika madwar id-dinja ukoll, fejn il-ħidma u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563) bdew, bil-mod il-mod, jiġu implimentati.

Fost il-bosta knejjes u kappelli li żar, insibu dik ta’ San Mikiel fl-Iklin. Iż-żjara seħħet nhar it-Tlieta, l-1 ta’ Frar 1575, fl-istess jum li fih żar lil Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Mann u Ħal Bordi (Aquilina & Fiorini 2001, 391). Għandna nifhmu li mhix il-kappella li hemm illum, li nbniet fil-bidu tas-seklu 17, imma waħda eqdem.

Ir-rapport taż-żjara, miktub bil-Latin, jgħidilna:

Visitavit etiam aliam Ecclesiam ruralem sub vocabulo Sancti Michaelis constructam in casali Liae in contrata Lichili, habet altare tantum, caret rectore, portis ligneis et omnibus alijs necessarijs, sed tantum in die festivitatis ex devotione aliquorum fidelium [f.172] in dicta Ecclesia missa celebratur. Dominus mandavit, ut supra, vel intra mensem fieri portas ligneas, vel in ea amplius non celebrari donec fiant. (Aquilina & Fiorini 2001, 178)

[Monsinjur Dusina] żar ukoll knisja oħra fil-kampanja bl-isem ta’ San Mikiel, mibnija f’Ħal Lija, fil-qasam Lichili. Għandha biss artal, u nieqsa minn rettur, bibien tal-injam u kulma iżjed hu meħtieġ, tant li huwa biss f’jum il-festa – mid-devozzjoni ta’ xi fidili – li tiġi ċċelebrata quddiesa. Il-Monsinjur [Dusina] ordna, skond m’hawn fuq, li jew isiru bibien ta’ l-injam fi żmien xahar, jew fiha ma jsirx quddies sakemm dawn isiru.

Jekk naqrawha bil-mod insibu tagħrif siewi ħafna: il-kappella ta’ San Mikiel hija meqjusa bħala kappella fil-kampanja, marbuta mar-raħal ta’ Ħal Lija. Nafu li f’dawk is-snin, Ħal Lija stess kien jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Birkirkara, u sar parroċċa fl-1594. Il-qasam kien magħruf bħala Lichili (għal aktar tagħrif dwar l-isem l-Iklin, ara hawn).

Nafu ukoll li l-kappella kienet fi stat fqir, u nieqsa minn kollox. Imma ma jidhirx li kienet imġarrfa, jew li kellha ħsarat kbar. Fil-viżta appostolika insibu ħafna knejjes li ġew skonsakrati, imma din ta’ San Mikiel mhix waħda minnhom. Anzi minn dak li jordna Dusina għandna nifhmu li kien hemm tama li l-bibien isiru, u l-knisja tibqa’ tintuża.

Dusina jgħarrafna ukoll li f’jum il-festa kienet tiġi ċċelebrata l-quddiesa, grazzi għad-devozzjoni ta’ xi fidili. Jidher li fil-kappella ta’ l-Iklin, din il-festa ta’ San Mikiel – li għadha tiġi ċċelebrata sal-lum – għandha għeruq fl-Iklin li jmorru lura iżjed minn 440 sena, u aktarx iżjed ukoll!


 

Referenza:

Aquilina, G. and Fiorini, S., eds., 2001. Documentary sources of Maltese History. Part IV. Documents at the Vatican. No. 1. Archivio Segreto Vaticano. Congregazione Vescovi e Regolari. Malta: Visita Apostolica no. 51. Mgr Petrus Dusina, 1575. Malta University Press.

Advertisements