Vittmi tal-GwerraSinjali ċkejkna kultant ifakkruna f’mumenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Il-lapida li tfakkar it-traġedja li laqtet lill-aħwa Parnis, fid-9 ta’ Novembru 1941 hija waħda minnhom.

Ma rridux immorru lura wisq snin: veru li t-Tieni Gwerra Dinjija ma niftakar la jien u lanqas il-ġenituri tiegħi, imma n-nanniet tiegħi iva. Qed immur lura sitta u sebgħin sena, propju llum. Ta’ min ifakkar li għalkemm l-Iklin bħala żona ma kienx jeżisti, ma jfissirx li fl-inħawi ta’ l-Iklin ma kien jgħix ħadd, kif jixhdu diversi djar u rziezet.

Din id-dar partikolari tinsab propju fuq il-konfini tal-kunsill lokali ta’ l-Iklin, fi Triq Ħal Għargħur, inti u tiegħla fuq ix-xellug, fil-kantuniera ma’ Sqaq Garda. Dettalji sew x’ġara  ftit nafu, imma il-kitba tgħidilna ħafna:

Balla tal-għadu / mixħuta fid-9 ta’ Novembru 1941 / qatlet f’dal-post / lill-aħwa / Ġuzeppi u Ġanni Parnis / ta’ 29 u 17 -il sena / Itolbu għalihom R.I.P.

M’għandix iżjed tagħrif dwar x’seħħ dakinhar, imma nafu li l-għadu kien ta’ spiss jagħmel attakki fuq Malta, imqar bil-lejl. Il-qilla tal-gwerra wasslet lil ħafna Maltin mill-inħawi ta’ madwar il-port, speċjalment il-Belt u l-Kottonera, biex iħallu djarhom, u kienu refuġjati f’irħula iżjed fiċ-ċentru ta’ Malta, fosthom f’Birkirkara. Nannti (mill-Belt) spiss tirrakkuntali dwar is-snin tagħha fil-gwerra refuġjata f’Ħal Lija.

Imma bogħod mill-portijiet ma fissirx dejjem post fiż-żgur. Il-gwerra ma tħarisx lejn l-uċuh, u taħsad ħesrem il-ħajjiet ta’ tant nies. Żgur li m’hemmx kliem biex infissru it-traġedja li dan il-mument fisser għall-familja Parnis, li f’daqqa waħda tilfet żewġ ulied.

Advertisements