Meister_der_Sophien-Kathedrale_von_Ohrid_001
San Bażilju [wikimedia]
Jekk trid tfittex dwar l-istorja ta’ x’imkien, tajjeb li ddur sew l-ismijiet ta’ nħawi differenti. L-ismijiet ta’ l-oqsma u l-għelieqi għandhom ħabbta jtulu fis-snin, u jżommu b’hekk tifkiriet qodma ta’ dak li kien hemm fiż-żmien. Wieħed minn dawn l-ismijiet huwa Ta’ Misraħ Basili, fil-konfini bejn il-Għargħur u l-Iklin fuq it-triq tal-Balal.

Biex ngħidu s-sew,  is-survey maps jimmarkaw Ta’ Misraħ Basili qrib it-triq imma fuq in-naħa tal-Għargħur. Ta’ min niftakru, però, li l-ismijiet u l-oqsma l-antiki ma jafux il-konfini tal-Kunsilli, u għalhekk dan il-qasam jista’ jifrex fuq iż-żewġ naħat tat-triq, bħalma nistgħu ngħidu għax-Xwieki.

L-isem huwa wieħed antik ferm, u aktarx marbut ma’ post imsemmi f’dokument ta’ l-1536 bħala ta sancto basili, clausura in contrata xihueki (Wettinger 2000, 490), jiġifieri “ta’ San Bażilju, għalqa fl-inħawi tax-Xwieki”. Wettinger jgħid ukoll li l-isem jista’ jkun ta’ għalqa qrib, jew propjetà ta’, kappella ddedikata lil San Bażilju. Naturalment, illum tiġikom f’moħħkom il-kappella ta’ San Bażilju fl-Imqabba, l-unika li fadal f’Malta ddedikata lil dan il-qaddis. Imma mhux fl-1536 …

Kappella rurali sal-1575

Diġa’ tkellimt dwar iż-żjara appostolika ta’ Mons Dusina band’oħra. Fl-istess żjara, Dusina jsemmi żewġ kappelli ddedikati lil San Bażilju: dik ta’ l-Imqabba, u oħra li kienet kappella rurali fil-parroċċa tan-Naxxar (ta’ min wieħed jgħid li l-Għargħur sar parroċċa biss fl-1610). Ir-rapport taż-żjara appostolika jgħidilna hekk:

Visitavit paulo infra Ecclesiam ruralem sub vocabolo Sancti Basilij semidirutam, quae caret redditu, rectore, et introitibus, quod sciatur, Dominus mandavit illa prophanari servata forma Concilii Tridentini, erecta ibi Cruce, et dummodo non convertatur in usus sordidus, solumque, et caementa applicari Ecclesiae parrochiali casalis Nasciari cum obligatione parrochi faciendi pingi imaginem Sancti Basilij in dicta parrocchiali. (Aquilina u Fiorini 2001, f. 167).

[Monsinjur Dusina] żar ftit wara knisja fil-kampanja bl-isem ta’ San Bażilju, nofsha mwaqqa’, li jonqosha redditu, rettur, u dħul. Fuq dan li sar jaf, il-Monsinjur [Dusina] ordna li tiġi pprofanata skont il-forma tal-Konċilju ta’ Trentu, u flokha jittella’ salib, hekk li ma tiġix mdawwra għal użi mhux xierqa; l-art u l-ġebel [li baqa’] għandhom jingħataw lill-knisja parrokkjali tar-raħal tan-Naxxar bl-obbligu li l-kappillan jordna li titpinġa pittura ta’ San Bażilju fil-[knisja] parrokkjali msemmija.

Ta’ din il-kappella li diġa’ kienet nofsha mwaqqa’ fl-1575 intilfet kull memorja, u ma sibt ebda tagħrif iehor dwarha, anqas biss nafu fejn kienet. Ma jidhirlix li hemm pitturi llum il-ġurnata lil San Bażilju fil-parroċċa tan-Naxxar, u ma nafx jekk dan l-ordna qattx seħħ. Imma memorja waħda baqa’: fl-isem ta’ l-inħawi Ta’ Misraħ Basili. 

San Bażilju l-Kbir (329/330-379 AD)

Fuq kollox, minn hu San Bażilju? San Bażilju l-Kbir huwa wieħed mill-qaddisin il-kbar fil-knejjes tal-Lvant, isqof ta’ Ċesarija (370-379 AD) fil-Kappadoċja, illum fit-Turkija, u ħabib ta’ San Girgor Nazjanzenu. San Bażilju ħa sehem fil-Konċilju ta’ Kostantinopli (360 wK), fejn kien importanti fl-appoġġ tiegħu għall-kredu ta’ Nicea. Fil-knejjes ta’ Lvant ħalla impatt fuq il-ħajja monastika, u l-liturġija.

Kappelli antiki bħal din, u dik tal-Imqabba, kif ukoll titli u devozzjonijiet oħra, bħal tat-Trasfigurazzjoni f’Ħal Lija, ifakkruna kif il-knisja antika Maltija għandha għeruq mhux biss fil-knisja tal-Punent, imma ukoll fit-tradizzjonijiet tal-knejjes tal-Lvant.


Referenzi:

Aquilina, G. and Fiorini, S., eds., 2001. Documentary sources of Maltese History. Part IV. Documents at the Vatican. No. 1. Archivio Segreto Vaticano. Congregazione Vescovi e Regolari. Malta: Visita Apostolica no. 51. Mgr Petrus Dusina, 1575. Malta University Press.

Wettinger, G., 2000. Place-Names of the Maltese Islands, ca. 1300-1800, Malta: PEG.

Ħajr

Ħajr lil Kevin Sciberras, li bgħatli r-riferenza li kelli bżonn minn Aquilina u Fiorini 2001 (Hawn f’Ġerusalemm, m’għandix aċċess għall-ktieb!), u lill-Kan. Jonathan Farrugia, li tani palata fit-traduzzjoni mil-Latin.

 

Advertisements