It-toroq ġodda u wisgħin ta’ l-Iklin (il-parti t’isfel) tagħtik x’tifhem li kollox mibni fuq qafas modern. Proġett ipjanat fuq skrivanija, b’linji dritt u blokki kwadri, iżjed milli wieħed organiku, iserrep, bħaċ-ċentri antiki ta’ l-irħula Maltin. Imma meta tħares iżjed mill-qrib, tinduna li mhux minnu, u tinduna li hemm qafas antik ta’ trejqat, sqaqien, u konfini ta’ propjetà.

Illum il-ġurnata jeżisti mezz interessanti ħafna għal studju bħal dan, strument mibni għal skop ta’ deċiżjonijiet dwar ippjanar modern, imma li għandu ukoll rilevanza għal min tinteressah l-istorja. Qed nitkellem dwar il-map server ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar (link estern). Huwa strument importanti ħafna, b’kwantità kbira ta’ informazzjoni ta’ kull tip li teffettwa l-iżvilupp, imma ta’ interess ukoll għal min — bħali — jixtieq iħares minn lenti storika.

Se nieħu tlett eżempji ta’ dan. F’dan il-każ, mill-map server ser inqabbel il-ritratti (Orthophotos) ta’ sena 2016, mas-Survey Maps tal-1968 (bil-pjanta moderna superimposta), li jurik parti żgħira ukoll tal-potenzjal ta’ dan il-map server.

Il-parti ta’ fuq ta’ triq Ġeronimo Abos (xellug: Orthophoto 2016, lemin: 1868 Survey Sheets + Basemap overlay 1:8000) Sors: Planning Authority Map Server (ara n-nota)

Fl-ewwel każ, naraw kif triq Geronimo Abos isegwi il-linja tat-trejqa l-antika, u minkejja li ġiet imwessa’ u ddrittata xi ftit (dan ikompli fit-tieni mappa). Iżjed interessanti, hija l-forma partikolari ta’ uħud mill-binjiet li ma jimxux ma’ linji dritti. Hekk, per eżempju, naraw parti mit-trejqa antika ta’ telgħa ta’ l-Iklin m’għadhiex teżisti u ġiet inkorporata fil-blokk tat-tarf fuq ix-xellug ta’ Triq Geronimo Abos, kantuniera ma’ Triq il-Klin, li taraha sal-lum fil-forma mxattra tal-bini. L-istess, fil-blokk ta’ fuq ta’ Triq Geronimo Abos kantuniera ma’ Triq Ġużé Galea, naraw li l-forma partikolari ta’ uħud mid-djar tirrifletti il-konfini qodma tal-propjetà. Triq Ġużé Galea ukoll, issegwi — bejn wieħed u iehor — il-linja ta’ sqaq qadim.

Triq Alfons Maria Galea (xellug: Orthophoto 2016, lemin: 1868 Survey Sheets + Basemap overlay 1:8000) Sors: Planning Authority Map Server (ara n-nota)

Fit-tieni eżempju, naraw ċar kif Triq Alfons Maria Galea, issegwi il-linja ta’ trejqa antika. Jidher ukoll kif it-tfassil tal-binjiet u t-triqat jirrifletti il-konfini tal-għelieqi u l-propjetajiet. L-unika binja antika, ta’ ċertu valur storiku, huwa r-razzett fuq Triq Geronimo Abos, kantuniera ma’ Triq Ġwann Mamo, razzett li aktarx imur lura għas-seklu 18, fi żmien il-Kavallieri.

Triq Erin Serracino Inglott u Triq Anton Manuel Caruana (xellug: Orthophoto 2016, lemin: 1868 Survey Sheets + Basemap overlay 1:8000) Sors: Planning Authority Map Server (ara n-nota)

Fit-tielet każ, mill-ġdid naraw kif Triq Erin Serracino Inglott, Triq Anton Manuel Caruana, Triq Richard Taylor, u Triq Pawlu Grech, kollha huma mfassla fuq trejqat u sqaqien antiki, li kienu hemm ferm qabel l-iżvilupp modern.

Kieku rridu, nistgħu inkomplu, u nduru triq triq, blokk blokk. Imma nħeġġeġ lilkom tagħtu daqqa t’għajn — u tesploraw il-potenzjal ta’ dan l-istrumenti formidabbli. Apparti d-dettalji dwar permessi ta’ l-izvilupp, enforcement notices, eċċ., il-map server huwa interessanti ferm b’ħafna dettalji fuq livell ambjentali u storiku.


Nota: ir-ritratti Orthophoto, u l-mapep użati hawn huma meħuda mill-Map Server tal-Awtorità tal-Ippjanar, u użati bħala kumment fuq il-potenzjal ta’ dan il-mezz għal studji storiċi u ta’ ppjanar. Il-propjetà ta’ dawn tibqa’ ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar.